Raħal Ġdid u l-Mosta bl-akbar numru ta’ testijiet tad-demm

L-akbar numru ta’ testijiet tad-demm matul is-sena 2012 saru fil-klinika tal-Mosta u dik ta’ Raħal Ġdid. Fl-2013, kienu dawn l-istess lokalitajiet li rrġistraw l-akbar numru ta’ testijiet.

Skont figuri ppublikati wara mistoqsija Parlamentari waqt is-seduta tal-bieraħ, matul l-2012 saru xejn inqas minn 11,053 test tad-demm fil-Klinika tal-Mosta. F’Raħal ġdid, fl-istess sena, saru 11,174.

Matul din is-sena, l-inqas post li fih saru testijiet tad-demm kien B’kara, b’total ta’ 7,653.

B’kollox, fl-2012 saru aktar minn 75,000 test tad-demm f’diversi kliniċi tal-Gvern mxerrda f’lokalitajiet differenti f’Malta.

Mill-bidu tal-2013, s’issa diġa’ saru aktar minn 53,000 test tad-demm. Il-lokalità li fiha saru l-aktar testijiet kienet Raħal Ġdid, b’total li jlaħħaq id-9060.

Fl-2013 ukoll, B’kara kien l-inqas post li fih saru dawn it-testijiet.

Fit-tweġiba Parlamentari tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia spjega li dawn il-figuri jinkludu ukoll dawk il-persuni li għamlu iktar minn test wieħed.