Raħal Ġdid magħqud mill-ġdid

Il-festa f’Raħal Ġdid fadlilha sa Lulju iżda minn din il-ġimgħa, f’qalb il-Pawlisti, bdiet tinħass arja ġdida ta’ għaqda u anke festa.
Wara sbatax-il sena, l-Għaqda Mużikali Kristu Sultan ġiet rikonoxxuta mill-Kurja tal-Arċisqof biex issa, flimkien mas-Soċjetà Filarmonika DePaule, se tkun ukoll banda uffiċjali f’Raħal Ġdid.
Apparti minn hekk, wara żmien ta’ stennija, il-Kurja qablet li s-Soċjetà Filarmonika DePaule tirregala l-istatwa ta’ Kristu Re, lill-Knisja Parrokjali biex tintuża bħala statwa titulari.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, il-Kanonku Dun Mark Andre Camilleri li spjega kif minkejja li ma kinitx deċiżjoni faċli, l-Arċisqof Charles Scicluna wasal għal dawn id-deċiżjonijiet bil-għan li f’Raħal Ġdid terġa ssaltan l-għaqda.
Dwar l-Għaqda Mużikali Kristu Sultan, il-Kappillan qal li din il-banda twaqqfet fl-1998 meta grupp ta’ żgħażagħ li kienu jieħdu sehem fil-festa, iddeċidew li jwaqqfu banda ġdida.
Minkejja dan, din il-banda ma kinitx rikonoxxuta mill-Kurja minħabba deċiżjoni li kienet ħarġet biex ma jiġux rikonoxxuti aktar baned.
Apparti minn hekk, ilbieraħ il-Kappillan ħabbar li l-Arċisqof aċċetta li l-istatwa li l-Każin DePaule ħadem fl-1998, issir l-istatwa titulari.
Dun Mark Andre spjega li qabel l-1999, il-purċissjoni tal-festa ta’ Raħal Ġdid, kienet issir bis-Sagrament.
Meta ġie deċiż li tinħadem statwa titulari l-Każin DePaule kien ikkumissjona vara tal-injam għand Alfred Camilleri Cauchi. Sadanittant, il-Knisja kienet ukoll ordnat vara għand l-artist Ġanni Bonnici li mbagħad inħadmet l-Italja u ġiet magħżula bħala l-vara titulari.
Minkejja dan, din il-vara ma tantx daħlet fis-sentiment tal-poplu, anke għax tippreżenta lil Kristu Re mhux kif imdorrija bih fl-ikonografija Nisranija.
Issa nhar il-Ħadd li ġej, wara l-quddiesa tad-9:30am se jsiru l-firem biex ikun emendat il-kuntratt tal-mod kif issir il-festa, biex il-Banda Kristu Sultan tibda wkoll tieħu sehem fil-festa.
Minn hemm se jibda wkoll proċess biex jiġi deċiż meta l-Banda DePaule se tkun uffiċjalment qed tirregala l-istatwa titulari biex issa tkun tal-parroċċa kollha magħquda.