Raġel ta’ 59 sena l-aħħar vittma tal-coronavirus

Sptar Karin Grech - coronavirus

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li raġel ta’ 59 sena miet bil-Covid-19.

Ir-raġel iddaħħal l-Isptar Mater Dei fl-1 ta’ Ottubru, u ġie kkonfermat pożittiv għall-Covid-19, l-għada 2 ta’ Ottubru. Huwa baqa’ jingħata kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, fl-Isptar Mater Dei, fejn miet aktar kmieni llum.

Ir-raġel kellu kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

Dan kien il-45 vittma tal-coronavirus f’Malta.

Il-Ministeru għas-Saħħa, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-familjari, jappella biex il-poplu jibqa’ jsegwi l-appelli tad-Dipartiment tas-Saħħa, fosthom il-ħasil tal-idejn ta’ spiss, id-distanza soċjali u l-użu tal-maskra.

Illum tħabbar numru rekord ta’ każijiet bil-coronavirus, 111-il każ, filwaqt li fiequ 52 persuna. It-total ta’ każijiet attivi issa qorob sew lejn l-1,000 billi Malta għandha 940 każ attiv.