Aġġornata: Raġel ta’ 51 sena f’kundizzjoni kritika wara argument

Raġel ta' 51 sena residenti n-Naxxar jinsab fil-periklu tal-mewt wara li sofra ġrieħi gravi waqt argument f'parkeġġ privat fi Triq il-Profs Walter Ganado, f'Pembroke.
Jirriżulta li l-argument seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs tal-bieraħ filgħaxija, bil-Pulizija ssejħet fuq il-post hekk kif kien hemm xi persuni feruti.
Ġara li waqt li r-raġel kien bil-vettura tiegħu mal-barrier tal-parking area għal xi raġuni inqala argument ma' xi persuni li kienu fil-vettura wara l-karozza tar-raġel.
Kemm xi familjari, kif ukoll żewġ persuni tas-sigurtà tal-parkeġġ ippruvaw ifferqu l-ġlieda.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei.
Ir-raġel kien iċċertifikat li sofra ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Persuni oħra li kienu fuq il-post, fosthom iż-żewġ persuni tas-sigurtà sofrew ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet sabiex jiġu misjuba u investigati l-persuni kollha involuti fil-każ.

Ritratt: The Malta Police Force