Raġel ta’ 28 sena arrestat fuq allegat traffikar tad-droga

Arkivji

Raġel ta’ 28 sena residenti Bormla, kien arrestat b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga. Huwa se jiġi akkużat ukoll li pparteċipa f’atti sesswali ma’ persuna taħt l-età. Il-Pulizija fi stqarrija qalu li l-arrest sar fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd f’ħidma mill-iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga.

Huwa ġie arrestat hekk kif kien qed isuq f’Ħaż-Żabbar. Fi tfittxija li saret fil-vettura l-Pulizija sabu numru konsiderevoli ta’ qratas bit-trab abjad u kannella, ssuspettata droga kokaina u eroina, lesti għat-traffikar, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.

Fil-vettura miegħu kien hemm tfajla ta’ 15-il sena li magħha huwa allegat li pparteċipa f’atti sesswali.

It-tfittxijiet mill-Pulizija issoktaw f’żewġ residenzi f’Bormla, fejn instabu aktar oġġetti relatati mad-droga, flus kontanti u kif ukoll pistola u munizzjon. Ingħad ukoll li dan il-każ kien ilu xi jiem taħt osservazzjoni u investigazzjonijiet.

Bil-każ infetħet Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr. Rachel Montebello, li min-naħa tagħha ħatret l-esperti sabiex jassistuha. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fis-siegħat li ġejjin u jkun akkużat bil-pussess aggravat ta’ droga, bil-pussess ta’ arma tan-nar u munizzjon, ħasil ta’ flus u kif ukoll li pparteċipa f’atti sesswali ma’ persuna taħt l-età.