Raġel ta’ 101 sena mitlub biex il-ġenituri japplikawlu għar-residenza

Fit-28 ta’ Frar Giovanni Palmieri se jagħlaq 101 sena. Imma għall-kompjuter tal-Home Office fl-Ingilterra r-raġel għandu sena. Il-kompjuter hu programmat biex mid-data tat-twelid jaqra biss l-aħħar żewġ ċifri. Għalhekk Giovanni ġie li twieled fl-2019.

Meta r-raġel applika biex ikollu ċertifikat ta’ residenza fl-Ingilterra fejn joqgħod, intbagħtet ittra uffiċjali fl-indirizz tiegħu biex japplikawlu f’ismu l-ġenituri tiegħu … għax kien għadu tarbija.

Wieħed min-neputijiet tiegħu u bosta neputijiet marru fiċ-ċentru CGIL li jieħu ħsieb il-komunità Taljana f’Londra. Wara diversi telefonati l-uffiċjali fil-Home Office daħħlu d-dettalji tal-anzjan b’idejhom biex b’hekk qabżu lill-kompjuter u fl-aħħar sar uffiċjalment magħruf li Giovanni se jagħlaq 101 sena.

Giovanni hu l-aħħar wieħed mill-familja tiegħu li ngħata residenza permanenti fl-Ingilterra. Ir-residenza diġà kienet ingħatat lil martu Lucia ta’ 92 sena, lill-erba’ uliedu, tmien neputijiet u 11-il neputijiet oħrajn.

Tal-Home Office baqgħu skantati bil-każ għax kienu diġà pproċessaw mijiet ta’ eluf ta’ applikazzjonijiet u l-ebda waħda minnhom ma kienet ta’ xi ħadd ta’ aktar minn 100 sena. Għalhekk qatt ma ntebħu bl-iżball fil-programm tal-kompjuter.

Giovanni ilu jgħix Londra għal 54 sena sħaħ fejn rabba familja, fetaħ diversi negozji fosthom ħanut tal-fish and chips li ħadem fih kuljum sakemm kellu 94 sena, xi drabi sal-11 ta’ bil-lejl.