Raġel suspettat b’rabtiet mal-mafja se jiġi estradit lejn l-Italja

Read in English.

Raġel se jiġi estradit lejn l-Italja wara deċiżjoni mill-Qorti f’Malta l-Ħamis. Ir-raġel se jkun qed jaffaċċja akkużi relatati mal-kriminalità organizzata fl-Italja.

Wara li l-awtoritajiet Taljani ħarġu Mandat ta’ l-Arrest Ewropew b’rabta ma’ ħasil ta’ flus tal-mafja ‘Ndrangheta, il-Pulizija f’Malta arrestaw lil Antonio Ricci nhar Ħadd il-Għid. Ir-raġel Antonio Ricci kien ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 10 snin.

F’Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, ġie deċiż li r-raġel għandu jiġi estradit. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Maġistrat eżaminat il-proċeduri u r-rekwiżiti meħtieġa f’każijiet ta’ estradizzjoni. Fil-fehma tal-avukati li dehru għal Ricci, l-avukat Arthur Azzopardi u Stephen Tonna Lowell, kellu jinħareġ Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea u mhux Mandat ta’ l-Arrest Ewropew.

Ir-raġel li għadu fiċ-ċans li jappella d-deċiżjoni tal-Qorti nżamm arrestat sakemm jiġi estradit.

L-akkużi li Ricci se jkun qed jaffaċċja fl-Italja ġġibu magħhom piena ta’ massimu seba’ snin priġunerija f’każ li jinstab ħati.

Minkejja li l-Qorti kienet ordnat id-divjett fuq il-pubblikazzjoni tal-isem diversi midja rrappurtaw l-isem minħabba r-rabtiet qawwija li dan għandu mal-mafja.