Qtil Marsa: Il-Pulizija żżomm raġel

Raġel Sudaniż qed jinżamm arrestat, biex jgħin fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Eritreja li nstab mejjet wara li qala’ daqqiet ta’ imqass.

Ir-raġel instab mejjet fil-Marsa, tard il-Ġimgħa filgħaxija, fost indikazzjonijiet li l-vittma nqatel wara li qala’ daqqiet ta’ mqass minn persuna oħra fl-inħawi.

Il-Pulizija qalet li għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija tal-Ġimgħa, il-Pulizija rċeviet rapport li fil-ġenb ta’ Triq Diċembru 13 kien hemm raġel mixħut mal-art fuq bankina, fil-ħaxix.

Il-Pulizija qalet li l-vittma għadu ma ġiex identifikat iżda aktarx li hu ta’ nazzjonalità barranija. L-inħawi huma frekwentati ħafna minn immigranti. Il-Pulizija qalet li wara li saret l-awtopsja, qed tqis il-każ bħala omiċidju. Minn tagħrif li għandu TVM, ir-raġel miet kaġun ta’ daqqiet ta’ imqass f’għonqu. L-imqass instab fiż-żona ta’ fejn seħħ id-delitt.

Għalkemm id-dinamika tal-każ għadha qed tiġi investigata, sorsi qrib l-investigaturi qalu li l-vittma qala’ d-daqqiet fil-ġenb tat-triq, wara l-barrikati, u mexa diversi metri sakemm waqa’ għal tulu mal-art u miet ftit wara.

Ir-raġel ġie ċertifikat mejjet fuq il-post minn tim mediku li ssejjaħ mill-Pulizija biex jassisti. Il-Maġistrat tal-Għassa, Victor Axiaq, qed imexxi inkjesta.