Ix-xufiera Fontaine Pace waqqfet il-karozza tal-linja fil-Ħamrun biex tgħin lil raġel mitluf minn sensih fit-triq.
Hija esprimiet id-diżappunt tagħha fuq Facebook dwar l-imġiba tan-nies lejha wara li waqqfet il-karozza mal-ġenb tat-triq, u niżlet biex tara tistax tgħin lil raġel li kien mitluq mal-art.
Kitbet ukoll li ċemplet lill-Pulizija minnufih, għaliex raġel ieħor li kien waqaf biex jagħti l-għajnuna ma xtaqx illi jeħli l-kreditu tal-mowbajl tiegħu biex iċempel hu.
Fontaine Pace irrakkontat kif il-passiġġiera niżlu minn fuq tal-linja biex jilmentaw li hi waqfet, u mhux biex jaraw kif jistgħu jgħinu lir-raġel.
Baqgħet skantata bil-mod kif dawn il-passiġġiera ma ġiethomx ħniena mill-proxxmu, imma kienu biss moħħhom fl-iskeda magħfusa tagħhom.