Raġel misruq u mhedded b’mus waqt li kien ġol-karozza fl-Imsida

Pulizija
Miguela Xuereb

Read in English.

Raġel ġie mhedded b’mus waqt li kien ġol-karozza tiegħu fl-Imsida.

Kmieni dalgħodu, għal xi s-1.45am, raġel ta’ 50 sena li joqgħod il-Ħamrun, daħal fl-għassa tal-Imsida jirrapporta li għadu kemm ġie misruq minn żewġ persuni fi Triq Giorgio Mitrovich.

Waqt li l-vittma kien qiegħed fil-vettura tiegħu, ġie avviċinat minn mara u raġel, li allegatament poġġewlu mus m’għonqu u serqulu oġġetti ta’ valur u mowbajl. Iż-żewġ aggressuri ħarbu immedjatament minn fuq il-post.

It-tfittxija għaż-żewġ persuni għadha għaddejja, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.

Din kienet it-tieni serqa l-lejl li għadda, madankollu dik li saret minn ħanut f’Ħal Balzan ma rnexxietx għax il-ħaddiema tal-ħanut irnexxielhom iwaqqfu lill-ħallelin. Dawn, iżda, ħarbu minn fuq il-post.