Aġġornata (3) Filmat: Fil-periklu tal-mewt wara tiri sparati qrib SkyParks

16:23: L-anzjan li ntlaqat f’wiċċu ttieħed l-isptar ftit minuti wara, fejn instab li kien qiegħed fil-periklu tal-mewt. 

Il-karozza li x’aktarx intuat fl-attentat ta’ serqa, Peugeot 207, instabet għall-ħabta tan-12.30 p.m. fi Triq il-Gudja, Ħal-Luqa. Il-karozza kienet irrapurtata misruqa fis-7 ta' Awwissu mill-Belt Valletta. 

Aktar qabel: Raġel ta' 77 sena minn Ħal Qormi dalgħodu ndarab meta ntlaqat minn tiri ta' arma tan-nar f'attentat ta’ hold-up qrib il-bini ta’ SkyParks, il-Gudja, viċin l-ajruport. Miegħu kien hemm raġel ta' 64 mill-Marsa li ndarab ħafif.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11am.

Hu mifhum li kienu żewġt irġiel mgħammda li sparaw lejn il-karozza Renault Megane griża li kienu fiha ż-żewġt irġiel l-oħra.  Jirriżulta li wieħed mill-passiġġiera tar-Renault kellu fuqu ammont sostanzjali ta' flus f'borża.

Il-ħallelin kienu f'karozza tat-tip Peugeot 207 bajda li waqfet maġenb il-karozza tat-tnejn l-oħra, għalqu t-triq u sparaw fid-direzzjoni taż-żewġ anzjani.

Jidher li wieħed mill-anzjani, ipprova jirresisti l-aggressuri imma spiċċa biex indarab hekk wieħed mill-agressuri sparalu xi tiri f'wiċċu.

Wieħed mill-vittmi ħarab lejn il-bini tal-ajruport bil-borża bil-flus fiha. Il-pulizija ġabret il-borża għall-investigazzjoni. 

Il-vittmi ttieħdu Mater Dei b'ambulanzi separati. Allegatament il-ħallelin ħarbu minn fuq il-post bil-karozza li kienu fiha.

Fl-ajruport, li jinsab ftit metri bogħod minn fejn seħħ dan il-każ, inqalgħet kommozzjoni sħiħa hekk kif il-pulizija ħasbet li wieħed mill-aggressuri seta' kien qed jistaħba xi mkien fl-ajruport. 

It-titjiriet fl-ajruport ma ġewx affetwati minn dan il-każ.