Raġel mhedded b’ħajtu fuq Facebook minħabba mara

Raġel rċieva theddid kontra ħajtu mill-eks raġel tal-mara li beda joħroġ magħha.
Fil-Qorti nstema’ kif raġel ta’ 38 sena mill-Finlandja kien qed isibha diffiċli jiffaċċja l-fatt li l-eks mara tiegħu kellha sieħeb ġdid.
Huwa beda jikteb kliem ta’ theddid fuq Facebook fil-konfront tal-koppja.
Il-Finlandiż beda jikteb messaġġi kontra martu imma mbagħad beda jhedded il-ħajja tas-sieħeb il-ġdid tagħha. F’dak il-punt interveniet il-Pulizija.
Għalkemm il-mara bdiet proċeduri tad-divorzju, fil-Qorti r-raġel qal li għadhom miżżewġin.
Il-Finlandiż wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Ma nstabux armi tan-nar waqt tfittxija li saret fid-dar tiegħu.
Il-Finlandiż ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €5,000.