Raġel mejjet wara li ttajjar fil-Marsa

Aġġornat 05:27 PM
CMRU

Read in English.

Raġel ta’ 32 sena tilef ħajtu wara li ttajjar fil-Marsa l-lejl li għadda.

L-inċident ġara għall-ħabta ta’ 11.45pm fil-bypass ta’ bejn il-Marsa u l-Ħamrun.

Meta l-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post, sabet li raġel li għall-bidu l-identità tiegħu ma kinitx magħrufa kien intlaqat minn karozza misjuqa minn raġel ta’ 28 sena residenti ż-Żejtun.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna iżda l-vittma ġiet ċċertifikata mejta fuq il-post. Ix-xufier ingħata ukoll l-assistenza medika u ttieħed l-Isptar Mater Dei minħabba li kien qiegħed isofri minn xokk qawwi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.

Waranofsinshar, il-Pulizija qalet fi stqarrija li r-raġel għandu 32 sena. Huwa mill-Palestina residenti l-Gżira.