Aġġornata bir-ritratti (4): Raġel minn B’Kara jinqatel f’Ħal Far

Raġel ta’ madwar 65 sena minn B’Kara tilef ħajtu wara li ntlaqat b’tiri sparati lejh f’Ħal Far. Dan hu l-ewwel delitt tas-sena.

Minn informazzjoni li għandna jidher li l-vittma hu n-negozjant Ronald Galea, u miet fuq il-post wara li ġew sparati fid-direzzjoni tiegħu bejn sitta u disa’ tiri t’arma tan-nar.

Id-delitt seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal Far, qrib Għar Ħasan. Ir-raġel instab wara karozza, mixħut mal-art f’għadira demm.

Xi nies li kienu fil-viċinanzi ta’ fejn seħħ id-delitt qalulna li t-tiri nstemgħu ċari ħafna. Ikkonfermaw li ġara xi ħaġa serja wara li semgħu s-sireni tal-pulizija.

Fuq l-post marru l-Pulizija mill-iskwadra tal-Omiċidji, mis-CID u esperti forensiċi. Għal ħabta tas-seba’ nieqes kwart wasal il-vann tal-mejtin tal-Pulizija li ħa l-kadavru tar-raġel lejn il-kamra mortwarja.

L-aħħar żewġ delitti ta’ dan it-tip ġraw fit-12 ta’ Diċembru li għadda meta f’temp ta’ ftit sigħat instabu żewġ persuni mejta b’tiri t’arma tan-nar.

L-ewwel delitt ġara għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu f’Qalet Marku ħdejn Baħar iċ-Ċagħaq meta kaċċatur sab lil Yosef Grech minn Ħal Balzan.

Ftit ħin wara, għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, Joseph Cutajar ta’ 45 sena minn Wied il-Għajn imlaqqa bħala “Il-Lion” intlaqat minn tiri f’rasu meta kien fil-karozza tiegħu fi Triq il-Mitħna fil-Mosta.