Aġġornata (2): Roger Muscat m’għadux mitluf

20:21 

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-persuna li ġiet rappurtata nieqsa fil-Libja nhar il-Ħadd 3 ta’ Awwissu 2014, illum ġie lokalizzat. Il-Pulizija tkellmet ma’ Roger Muscat ftit tal-ħin ilu, li kkonferma li jinsab f’kundizzjoni tajba. Roger Muscat qal li se jkun qed jirritorna lura Malta mil-Libja fil-jiem li ġejjin.

18:34
Ftit ħin biss wara li l-Gvern ħabbar li Roger Muscat ta' 49 sena kien irrappurtat nieqes, Newsbook.com.mt jista' jikkonferma li Muscat m'għadux mitluf. Kien għal ħabta tas-6.20pm, li Jimmy, ħu Roger kellu kuntatt ma' ħuħ li bħalissa jinsab għax-xogħol fuq il-baħar. Żied jgħid li Roger mhux qiegħed il-Libja, iżda lanqas mhu fi triqtu lejn Malta. 

Aktar kmieni:
Roger Muscat ta’ 49 sena minn San Pawl il-Baħar, li ħalla Malta għal-Libja f’Lulju li għadda, jinsab nieqes.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mario Cutajar qal lill-midja li ħu Roger Muscat ilbieraħ għamel rapport fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Min-naħa tagħhom il-Pulizija kkomunikaw maċ-Ċentru ta’ Kriżi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Ħu Muscat, qal lill-pulizija li Roger Muscat telaq lejn il-Libja biex ifittex xogħol, iżda jekk sab xogħol, ma jafux ma’ liema kumpanija kien qed jaħdem.
Mario Cutajar qal li Roger Muscat telaq minn Malta fil-21 ta’ Lulju li għadda, u minn dak iż-żmien ma reġgħux semgħu b’aħbaru.  Cutajar żied jgħid li Muscat ma telaqx minn Malta bl-ajru, u li telaq fi żmien li l-Gvern kien diġà ħareġ l-avviż biex jiġu evitati titjiriet lejn il-Libja.
Il-kelliem għall-Gvern qal ukoll li Muscat għad għandu impjieg f’Malta bħala xufier mat-trasport pubbliku.
L-aħħar sinjali minn fuq il-mowbajl tiegħu kienu fit-23 ta’ Lulju u kien fit-territorju Libjan. Madanakollu ma kien hemm l-ebda rapporti li Roger Muscat deher fuq l-art.
S’issa ma kien hemm l-ebda informazzjoni li nħatfet xi persuna Maltija jew li ntalab xi rahan.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Reazzjoni PN
Wara l-aħbar li Roger Muscat ġie rrappurtat nieqes fil-Libja, il-Partit Nazzjonalista jsostni li l-Maltin kollha għandhom jiġu evakwati mil-Libja immedjatament. Fi stqarrija l-PN esprima t-tħassib serju tiegħu u wera solidarjetà mal-familja ta' Muscat. Appella lill-Gvern biex jagħmel dak kollu meħtieġ biex Muscat jinġieb lura Malta qawwi u sħiħ mill-aktar fis possibli.