Raġel li nstab mejjet fiż-Żebbuġ fost il-persuni ttestjati għal COVID-19

Miguela Xuereb

Raġel li lbieraħ instab mejjet f’appartament fiż-Żebbuġ ġie ttestjat sabiex jiġi determinat jekk il-kawża tal-mewt tiegħu kinitx relatata mal-coronavirus. Dan qaluh sorsi qrib il-każ ma’ Newsbook.com.mt li spjegaw ukoll li r-riżultati ħarġu fin-negattiv.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma s-sejba tal-katavru ma’ Newsbook.com.mt. Hu qal ukoll li l-mewta jidher li kienet waħda naturali. Minkejja dan, infetħet inkjesta maġisterjali dwar il-każ.

Is-sors ta’ Newsbook.com.mt qal li wara xi investigazzjonijiet tal-pulizija l-katavru ttieħed il-kamra mortwarja tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Illum wara nofshinar, il-Professur Charmaine Gauci qalet li qed isiru testijiet għall-coronavirus fuq katavri ta’ persuni li qed imutu f’dawn iż-żminijiet. Hi qalet ukoll li s’issa, kull test li sar irriżulta fin-negattiv.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn