Raġel li bies waiter fuq għonqu liberat mill-akkużi kontrih

Read in English.

Raġel li ta bewsa lil waiter fuq għonqu ġie meħlus minn kull akkuża fil-Qorti.

Ir-raġel ta’ 67 sena mill-Awstralja ġie akkużat li kkommetta att sesswali mingħajr kunsens fuq waiter li kien qed jaħdem fil-lukanda li kien qed joqgħod fiha. Ir-raġel, instab mhux ħati li agredixxa lill-waiter sesswalment.

Fil-Qorti nstema’ kif il-waiter qal lis-superjuri tiegħu dwar l-inċident li fih l-akkużat allegatament biesu fuq għonqu mingħajr permess.

Il-waiter qal li kien qed iservi x-xorb f’Lulju tal-2018 meta l-akkużat li għaraf bħala wieħed minn dawk li kienu qed joqgħodu fil-lukanda mar warajh fit-toilet u talbu għas-sess. Il-waiter qal li rrifjuta però li l-akkużat beda jmissu. L-inċident temm meta persuna oħra daħlet fit-toilets u l-waiter ħarab.

Il-waiter qal li l-akkużat ipprova jbusu imma resaq lura. Qal li l-akkużat ma żammux milli jiċċaqlaq.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat qal li ġie Malta mas-sieħeb tiegħu. Kien ilhom flimkien 35 sena. Qal li dakinhar tal-inċident, kien staqsa lill-waiter jekk kienx gay. Dan wieġbu iva u kellhom diskursata twila dwar dan. Wara xi ħin, l-akkużat reġa’ ltaqa’ mal-vittma fit-toilets. Reġgħu bdew jitkellmu u pprova jbus lill-waiter. Dan qal “le” u resaq lura imma l-akkużat xorta spiċċa jbusu fuq għonqu. Qal li biesu biex ifaħħru talli ħabbar li kien gay. L-akkużat ċaħad li mess il-parti privati tal-waiter peress li kien f’relazzjoni.

Il-Maġistrat Simone Grech irrimarkat li l-verżjonijiet tal-allegat vittma u l-akkużat kienu differenti.

Il-Maġistrat qalet li x-xhieda tal-vittma ma kienetx konsistenti.

Qalet ukoll li l-post fejn seħħ l-inċident ma kienx ikun kwiet u allura ma tantx kien hemm ċans li jseħħ dan l-inċident. Il-persuna li daħlet fit-toilets meta kien hemm l-akkużat u l-waiter qatt ma nstabet biex tixhed.

Il-Qorti qalet li l-allegat vittma kellu l-opportunità li jwerżaq jew jinforma lill-persuna li daħlet fit-toilet x’kien qed jiġri. Il-vittma qal li min-naħa tiegħu qabad u telaq.

Il-Qorti qalet li bewsa fuq l-għonq ma kinetx att sesswali. Qalet ukoll li l-waiter qatt ma ġie ristrett fil-movimenti tiegħu. Żiedet tgħid li l-akkużat waqaf mill-ewwel meta nduna li l-vittma ma kienx qed jagħti l-kunsens tiegħu għall-bews.

Il-Maġistrat qalet li ma kinetx konvinta li l-akkużat kellu l-intenzjoni li jwettaq ir-reat li bih ġie akkużat. Hi ħelsitu minn kull akkuża.

L-Ispettur Alfredo Mangion kien qed imexxi l-prosekuzzjoni. L-avukati tad-difiża kienu Giannella De Marco u Gianluca Caruana Curran.