Raġel l-isptar wara li waqa’ ġo bir f’San Ġiljan

Aġġornat 09:44 AM

Raġel waqa’ ġo bir f’San Ġiljan, iżda ttella’ mill-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħed b’emerġenza l-isptar.

Dan ġara fi Triq Lapsi fit-8am.

L-ewwel informazzjoni li kellha l-Pulizija kienet li persuna waqgħet ġo xaft, iżda mbagħad deher li fil-fatt ir-raġel kien waqa’ ġo bir. L-identità tiegħu għadha mhix magħrufa u lanqas il-kundizzjoni li jinsab fiha.

Il-Protezzjoni Ċivili għadha fuq il-post biex tiddetermina kienx hemm aktar persuni li waqgħu ġol-bir, peress li l-persuna inkwistjoni qalet lill-pulizija li kien hemm żewġ persuni oħra magħha. Madankollu, skont informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt, huwa kien fil-fatt waħdu. Il-post fejn indarab ir-raġel kien qed jiġi rinovat.