Raġel l-isptar wara li nqata’ lift bih fir-Rabat Għawdex

Raġel ittieħed b’emerġenza l-isptar wara l inqata’ lift li kien fuqu fi stabbiliment fir-Rabat Għawdex.

Kelliem għall-Pulizija kkonfermaw il-każ ma’ Newsbook.com.mt. Hu spjega li l-inċident seħħ fil-11am f’kumpless fi Triq it-Tela’ tal-Belt. Skont sorsi, l-istabbiliment huwa ċ-ċinema tar-Rabat.

Il-kelliem għall-Pulizija qal li jidher li r-raġel, għal xi raġuni x’aktarx ta’ xogħol, kien fuq il-lift. Jidher li kien hemm xi skoss li wassal biex il-lift jaqa’ madwar sular waqt li r-raġel kien fuqu.

Fuq il-post issejħu l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, ambulanza u tim mediku, kif ukoll il-Pulizija.

Ir-raġel ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief.