Raġel l-isptar wara ħabta bejn żewġ karozzi

Raġel ittieħed l-isptar wara inċident tat-traffiku bejn żewġ karozzi li seħħ kmieni dalgħodu.

L-inċident seħħ di Triq Sant’Andrija f’Pembroke għall-ħabta tal-4am. Jidher li l-karozzi kellhom impatt ma’ bollards tal-konkrit li tpoġġew f’nofs it-triq fl-aħħar ġranet.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma dan l-inċident filwaqt li qal li r-raġel li kien xufier tal-karozza s-sewda ttieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief. Is-sewwieqa tal-karozza l-oħra ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Għal xi ħin it-triq kienet magħluqa u fuq il-post kien hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili peress li fit-triq kien hemm xi żejt li ħareġ mill-vetturi.

Ritratti: George Pollacco