Aġġornata: Imut wara għawma fil-Bajja s-Sabiħa

Raġel ta’ 75 sena minn Ħal Qormi tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà hu u jgħum fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.

Kien għall-ħabta tat-3.15pm li ssejħet ambulanza fuq il-post biex tassisti lir-raġel li kien diġà ttella’ u ngħata l-ewwel għajnuna minn xi nies li kienu fil-bajja. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei iżda miet ftit wara.

Infetħet inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Ilbieraħ, raġel ta’ 68 sena miż-Żejtun ukoll sab ruħu f’diffikultà fl-għawm, din id-darba f’St Peter’s Pool f’Marsaxlokk. Huwa ttella’ mill-baħar u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.