Żewġt irġiel jitressqu il-Qorti f’każi separati

Illum il-Pulzija resqet il-Qorti lil Omar Hassan Ahmed ta’ 31 sena, residenti l-Furjana, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Neville Camilleri. Huwa ġie akkużat talli fis-27 ta’ Marzu u fil-ġranet preċedenti, laqa’ għandu jew xtara ħwejjeġ misruqa, meħuda b’qerq jew akkwistati b’reat, għad-detriment ta’ persuna feminili. L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Huwa ġie sentenzat sabiex ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.

F'każ separat, ġie mressaq ukoll Mohamed Haji Abdilwahid, imwieled is-Somalia iżda residenti l-Marsa, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Neville Camilleri LLD. Huwa ġie akkużat li lbieraħ 28 ta' Marzu seraq minn vettura, ħebb għall-persuna u kkawżalu ġrieħi ta' natura ħafifa, kellu arma li taqta' mingħajr liċenzja fil-pussess tiegħu, kiser il-paċi pubblika u talli għamel reat li għalih hemm piena ta’ priġunerija li jkun sar matul il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

L-akkużat wieġeb ħati għall akkużi u ngħata 18-il xahar priġunerija. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Robert Vella.