Raġel jitlef ħajtu wara li ssakkar fuq il-bejt

Raġel ta’ 45 sena tilef ħajtu wara li waqa ġo shaft fi blokka ta’ appartmaneti ġewwa Triq il-Mensija San Ġwann.
L-inċindent seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-7:30pm.
Mill-ewwel informazzjoni jidher li r-raġel, minn Bormla, ingħalaq fuq il-bejt u x’aktarx ipprova jiddendel biex jidħol minn tieqa ta’ uffiċċju li hemm fl-istess shaft, iżda waqa’. 
Fuq il-post issejħu l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ team mediku mill-Isptar Mater Dei sabiex jassistu, iżda l-vittma ġie iċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.