Raġel jistaqsi fuq familtu: id-dar tal-anzjani tibgħat għall-pulizija

DOI

Read in English.

Il-management tar-Residenza San Ġużepp fil-Fgura bagħtu għall-pulizija wara li raġel żar ir-reception biex jistaqsi fuq il-kundizzjoni tas-saħħa tal-ġenituri tieghu u ta’ oħtu, li jgħixu fir-residenza.

Mario Mifsud, magħruf aħjar bħala DJ Banana, tkellem ma’ Newsbook.com.mt fuq l-esperjenza tiegħu. Il-ġenituri tiegħu u oħtu, li għandha paraliżi ċerebrali (cerebral palsy) jgħixu fl-istess kamra, u kemm ommu kif ukoll oħtu rriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Mifsud qal li sar jaf li l-familjari tiegħu irriżultaw pożittivi għall-coronavirus biss wara li oħtu ċemplet biex tistaqsi fuqhom.

Il-Covid-19 qiegħed jinfirex b’mod konsiderevoli fid-djar tal-anzjani Maltin: fil-konferenza tal-aħbarijiet li tat fit-18 ta’ Settembru, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat li 117 każ ta’ Covid-19 instabu ġo d-djar tal-anzjani matul il-ġimgħa li għaddiet. L-akbar numru ta’ każi ġew irrapurtati fir-Residenza San Ġużepp.

Mifsud spjega kif żar ir-residenza nhar il-Ħadd biex jistaqsi fuq il-familjari tiegħu. Però, minflok tawh l-informazzjoni mixtieqa, il-management irrapurtawh lill-pulizija, u akkużawh li heddidhom. Żied li l-infermiera li kienet responsabbli dak il-ħin kienet ordnata mill-pulizija li taġġornah fuq is-sitwazzjoni, u li kien imwiegħed telefonata mill-manager. Però, din it-telefonata għadha ma saritx.

Familjari jitħallew fil-għama

Mifsud semma kif minkejja l-protokolli kollha li għandhom isegwu d-djar għall-anzjani, il-familjari tar-residenti qed jitħallew fil-għama. Waqt li missieru ma rriżultax pożittiv għall-Covid-19, xtaq li jibqa’ fl-istess kamra ma’ martu u bintu: Mifsud spjega li minkejja missieru mwerwer, ma riedx iħallihom weħidhom.

Innota li familjari ta’ residenti oħrajn li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 ukoll saru jafu b’dan biss meta ċemplu huma.

Mifsud żied ukoll li fil-bidu t-testijiet ma kinux qed jittieħdu regolarment mal-pazjenti kollha. Wara li feġġ l-ewwel każ fir-residenza, sar test biss fuq oħtu, u mhux fuq il-ġenituri tieghu.

Però fl-aħħar ftit jiem, hekk kif in-numru ta’ każijiet zdied bil-qawwa, kien hemm żieda fl-ittestjar.

Jixtieq stat t’emerġenza fir-residenza

Minħabba l-iżviluppi riċenti, Mifsud jixtieq li l-gvern jiddikkjara stat ta’ emerġenza fir-residenza u jieħu kontroll tas-sitwazzjoni.

Qal li kien ċar li xi ħaġa marret ħażin fir-residenza, u b’hekk il-gvern kellu jintervjeni u jibgħat it-tobba u l-infermiera tiegħu sakemm l-affarijiet jerġgħu lura għan-normal. Żied li bħalissa, id-dar qiegħda topera b’numru minimu ta’ ħaddiema.

Kien ikun aħjar kieku Parnis xtara t-tagħmir protettiv

Mifsud semma wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis, u żied li waqt li ħafna ċċajtaw fuq il-ħelu li xtara għar-residenti, kien ikun aħjar kieku minflok xtara tagħmir protettiv għall-ħaddiema li jaħdmu fid-dar tal-anzjani.

Fakkar li r-residenza ma kenitx sptar, u li b’hekk kellha nuqqas ta’ riżorsi biex tindirizza l-Covid-19 b’mod adegwat.

Semma l-biżà tiegħu li l-ħaddiema stess setgħu daħħlu l-coronavirus fir-residenza, hekk kif ir-residenti nnifishom ma jistgħux joħorġu.

Sors ieħor li kellem lin-Newsbook.com.mt ukoll emfasizza n-nuqqas ta’ tagħmir protettiv għall-ħaddiema.

Nhar it-Tnejn, l-awtoritajiet tas-saħħa rrapurtaw 50 każ ġdid ta’ Covid-19, inklużi ħames immigranti f’ċentri tad-detenzjonijiet li mhux qed jiġu nklużi fil-figuri uffiċjali. In-numru ta’ każijiet attivi – bl-esklużjoni tal-immigranti – issa laħaq 676.

L-awtoritajiet irrapurtaw ukoll żewġ imwiet bil-Covid-19, inkluż raġel li kien residenti f’dar tal-anzjani.