Raġel jisraq il-katavru tal-kunjata

Raġel ammetta li daħal fi stabbiliment tal-funerali u seraq il-katavru tal-kunjata tiegħu wara li d-deffien ma baqax iwieġeb it-telefonati jiem qabel il-funeral.

Ir-raġel, qal li ppanikja meta ma kienx qed jirnexxielu jagħmel kuntatt mad-deffien u għażel li jieħu l-liġi f’idejh u jmur jisraq il-katavru tal-kunjata mill-isabbiliment f’Kent, fir-Renju Unit.

Huwa stqarr li lill-martu ma qalilha b’xejn dwar il-fatt li d-deffien ma kienx qed iżomm kuntatt dwar l-arranġamenti tal-funeral u biex ma jkomplix iżid man-niket li kellha qal li għażel li jmur isalva l-katavru tal-kunjata hu stess.

Ir-raġel sostna li ma kellux għażla oħra hekk kif qabel mar kien diġa ilu jumejn l-għassa tal-Pulizija jipprova jitraċċa lis-sid tal-business li jorganizza l-funerali u ma rax li kellu għażla oħra ħlief li jieħu l-katavru.

Mal-midja internazzjonali huwa stqarr li qabbad żewġ persuni biex joqgħodu għassa barra sakemm hu daħal biex joħroġ il-katavru fuq trolley għal ġo vann li kien kera.Wara li għamel dan ir-raġel qal li ħa ħsieb jorganizza l-funeral kollu hu.

Sadanittant Karen Calder, sid l-istabbiliment li jipprovdi s-servizzi għall-funerali, qed tkun miċħuda milli tuża s-servizzi ta’ krimatorji f’Kent minħabba dejn li għadha ma ħallsitx għal dawn is-servizzi.

Skont rapporti fil-midja internazzjonali l-kumpanija ta’ Calder qed tfalli kawża ta’ dejn kbir li għandha u riżultat ta’ hekk diversi qraba mnikkta għadhom qed jistennew li jirievu l-fdalijiet tal-familjari mejta tagħhom.

L-istabbiliment minn fejn ir-raġel seraq il-katavru tal-kunjata tiegħu.