Raġel jirringrazzja qaddisa Awstraljana li fejqitu mill-Parkinsons

Ricky Peterson minn Kansas City, jitlob fuq il-qabar ta’ Santa Marija MacKillop, f’Sydney

Eżatt għaxar snin ilu, Ricky Peterson minn Kansas City fl-Istati Uniti niżel għarkopptejh ħdejn il-qabar ta’ Santa Marija MacKillop f’Sydney, l-Awstralja, b’talba ta’ ringrazzjament għall-fejqan mirakoluż li kellu għaxar snin qabel, bl-interċessjoni ta’ din il-qaddisa.

Peterson li llum għandu 57 sena l-ewwel li żar dan il-qabar kien fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tal-2008 u għamel talba li ma jinsa qatt: li bl-interċessjoni ta’ din il-qaddisa Awstraljana, Alla jfejqu mill-marda tal-Parkinsons li kien ilu jbati minnha disa’ snin sħaħ.

“Għidtilha: Marija, qed nitolbok biex illejla terġa’ titlob miegħi. O Alla ma nixtieq xejn aktar ħlief li nħalli r-rogħda u l-marda tal-Parkinsons, hawn ħdejn il-qabar ta’ din il-qaddisa, jekk inti trid.  Jien se noħroġ infaħħar ismek”, irrakkonta Peterson.

Għaxar minuti wara, dan il-missier ta’ ħamest itfal kien fuq il-ferrovija ma’ bintu ż-żgħira sejrin lura lejn id-dar tal-ħbieb li kienu qed joqogħdu għandhom, li Peterson innota li r-rogħda f’idu l-lemenija waqfet.

“Bdejt niċċekkja kull 30 sekonda u rogħda ma kellix.  Iżda minkejja l-istagħġib u ċ-ċertezza li kien imfejjaq, baqa’ ma tkellem ma’ ħadd.

Kien waqt l-aħħar quddiesa tal-Papa Beneditttu XVI f’Randwick, f’Jum iż-Żgħażagħ li waqt li kien qed iżomm id bintu, li din indunat li missierha ma għadux jirtgħod. Ħarset lejh u qaltlu: “Idek ma triegħdet xejn” u hu weġibha “Iva, ilha ma tirtgħod minn nhar il-Ġimgħa” u t-tnejn infaqgħu jibku.

Peterson qal lis-Sorijiet ta’ St Joseph, li huma tal-istess ordni ta’ din il-qaddisa, jirrekordjaw l-istorja ta’ dak li ġralu biex jekk it-tieni miraklu attribwit lilha li qed ikun investigat mill-Vatikan ma jkunx approvat għall-kanonizzazzjoni, iressqu l-istorja tiegħu bħala miraklu. Iżda dan ma kienx hemm bżonnu għax it-tieni miraklu – il fejqan mill-kanċer ta’ Kathleen Evans, mara Awstraljana, kien approvat mill-Vatikan.