Il-Kunsill tal-Gżira jagħlaq bi protesta; “Inċident minħabba diżgwid personali” – MDA

Wara li lbieraħ bdiet investigazzjoni mill-Pulizija dwar raġel li allegatament ipprova jsuq fuq Jeremy Cardona, Kunsillier Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Gżira, il-Kunsill se jagħlaq il-bibien tiegħu bi protesta. Dan ħareġ fi stqarrija wara laqgħa urġenti.
Min-naħa l-oħra, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) sostniet li minn investigazzjonijiet preliminarji rriżulta li l-inċident ma kienx relatat ma’ żvilupp partikolari, imma ġie mmotivat minn argument personali.
Il-Kunsill spjega li llum il-Kunsill Lokali mhux se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu bi protesta, li se tintemm b’dimostrazzjoni mar-residenti nhar it-Tlieta fis-6:30pm fi Triq Sir Patrick Stuart.
Fl-istqarrija, il-Kunsill kkundanna mingħajr riżerva l-att li seħħ fil-konfront tal-kunsillier Jeremy Cardona.
Sostna li dan huwa frott tal-egoiżmu u t-traskuraġni li għaddej minnu "s-settur tal-kostruzzjoni minn ċertu kuntratturi, li qed ikun ta' inkonvenjent enormi għar-residenti".
Fi stqarrija, l-MDA sostniet li jekk jinstab li l-allegazzjonijiet huma veri se tkun qed tieħu l-passi dixxiplinarji neċessarji. Dan minħabba li l-kumpanija minn fejn ġej dan il-kuntrattur hija membru tal-MDA.