Aġġornata: Pulizija involut f’hit and run f’San Ġwann

Kuntistabbli tal-Pulizija, li ġie identifikat, laqat raġel anzjan f’San Ġwann bil-karozza tas-servizz u baqa’ sejjer.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-Kuntistabbli, stazzjonat fid-distrett ta’ San Ġiljan, kien qed isuq karozza tal-Pulizija. Skont il-Pulizija, il-kuntistabbli “ma ndunax bl-inċident u baqa’ sejjer”.
Ir-raġel li għandu 72 sena u joqgħod San Ġwann stess weġġa' gravi.
Kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ fi Triq Feliċ Borg għall-ħabta tal-5:30pm.
Għall-ħabta tas-6:30pm il-kelliem għall-Pulizija kien qal ma’ Newsbook.com.mt speċifikament li dan ma kienx każ ta’ hit and run.
Il-Pulizija qed tinvestiga dan l-inċident.
Ritratt: Arkivji