Raġel jinstab imdemmi f’Marsalforn; jinżamm arrestat għax aggressiv

Raġel instab imdemmi f’Marsalforn, wara li l-pulizija rċivew rapporti li kien hemm persuna aggressiva fl-akkwati. Huwa qed jinżamm arrestat wara li rreaġixxa b’aggressjoni mal-pulizija u anke fl-isptar.

Kien għall-ħabta tal-11.30pm li l-pulizija rċivew telefonata li hemm persuna aggressiva fi Triq il-Port, u qiegħda tkisser l-affarijiet. Meta dawn marru fuq il-post, sabu raġel bilqiegħda mal-art, b’xi dmija. Huma sejħu ambulanza għalih, iżda sakemm kienu qegħdin jistennew l-ambulanza, dan beda jsir aggressiv mal-pulizija. Meta waslet l-ambulanza, huwa baqa’ jaġixxi b’aggressjoni mal-paramediċi, u din l-imġiba kompliet anke fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

Ir-raġel għandu 28 sena u hu mill-Eritrea.

Il-Pulizija qed iżżommu arrestat sakemm jitwettqu xi investigazzjonijiet dwar il-każ.