Raġel jinqatel f’Pariġi wara li pprova jattakka għassa

Raġel f’Pariġi nqatel mill-Pulizija wara li pprova jidħol, armat b’sikkina, f’għassa tal-Pulizija.
Il-Pulizija kkonfermat li ġew sparati xi tiri, skont xhieda tnejn jew tlieta, u li r-raġel inqatel barra l-għassa ta’ Goutte-D’Or.
Il-Pulizija kkonfermat li fuqu kellu ġakketta simili għal dawk b’materjal splussiv, imma kienet waħda finta, u li għajjat “Allahu Akbar”. 
L-inċident seħħ hekk kif Franza qed tfakkar l-ewwel anniversarju mill-massakru fl-uffiċċji ta’ Charlie Hebdo u l-qtil li seħħ fil-jiem ta’ wara fuq Pulizija mara u f’supermarket Lhudi.  
Sadattant, il-President Franċiż Francois Hollande mexxa tifkira tal-ewwel anniversarju mill-attakki.
Sostna li t-theddida tat-terroriżmu ma naqsitx waqt lil faħħar il-kuraġġ ta’ pulizija u suldati li taw ħajjithom biex jipprovdu sigurtà liċ-ċittadini, f’Jannar u f’Novembru.
Fl-istess ħin qal li jrid isir iktar biex, fid-dawl ta’ diffikultajiet finanzjarji, ikun hemm biżżejjed uffiċjali kontra t-theddida tat-terroriżmu Iżlamiku.
Franza mistennija żżid il-membri tal-forzi tal-ordni b’5,000 bejn din is-sena u d-dieħla.