Raġel jinqabad hu u jipprova jisraq dar fil-Belt Valletta

Raġel ipprova jisraq minn dar fil-Belt Valletta lbieraħ filgħaxija, imma l-pulizija qabduh fil-pront.

Għall-ħabta tas-7.15pm, il-Pulizija tal-Għassa tal-Belt Valletta rċivew rapport li kien hemm raġel qed jipprova jiżgassa bieb ta’ residenza fi Triq Sant’Anna.

Malli marru fuq il-post, ir-raġel intebaħ bihom u ħarab jiġri. Il-pulizija bdew ifittxuh fl-akkwati, u rnexxielhom jaqbduh fi Triq Zekka. Saret ukoll tfittxija fil-post fejn il-pulizija raw lir-raġel fi Triq Sant’Anna fejn instabet għodda li allegatament intużat biex ġie żgassat il-bieb ta’ barra tar-residenza.

Ir-raġel ta’ 45 sena ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet. Huwa residenti l-Belt Valletta.

Illum għandu jitressaq il-qorti għall-ħabta tal-11.30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras.