Raġel jinqabad b’aktar minn €11,000 mhux dikjarati

L-Uffiċjali tad-Dwana qabdu raġel lest biex jitlaq minn Malta li kellu fuqu €11,256 mhux iddikjarati. Is-sejba saret il-lejl li għadda ġewwa l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) mis-sezzjoni l-ġdida ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus.

Ir-raġel Libjan kien se jsiefer lejn Tunis minn Malta u qal li l-flus li kienu f’bosta muniti barranin kienu flus li faddal hu u li kien se jieħu miegħu f’pajjiżu.

Minħabba li l-passiġġier falla milli jiddikjara l-flus lid-Dwana qabel ma daħal fis-sala tal-ajruport non-Schengen, il-flus mhux iddikjarati ġew konfiskati u r-raġel inżamm mill-Unit tal-Kriminalitajiet Ekonimiċi fi ħdan il-Pulizija sabiex jassisti fl-investigazzjoni. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum.

Skont liġijiet Ewropej, il-passiġġieri li jkunu qed isiefru b’aktar minn €10,000 huma obbligati jiddikjaraw il-flus mad-Dwana. M’hemmx limitu ta’ kemm tista’ tieħu flus miegħek barra minn Malta dment li tiddikjarhom.

Aktar kmieni dan ix-xahar kien hemm żewġ Eġizzjani li ġew arresti fuq akkużi simili.

Ma ddikjarawx aktar minn €21,000; arrestati fl-ajruport