Raġel fil-periklu tal-mewt wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina f’Ta’ Qali

Aġġornat 11:43 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

Raġel Bulgaru ta’ 57 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li fis-sigħat tard tal-Ħamis filgħaxija qala’ daqqiet ta’ sikkina.

Il-Bulgaru ndarab minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħ’Attard, li ġie arrestat mill-Pulizija tal-RIU wara tfittxija intensiva li saret matul il-lejl li għadda.

L-inċident seħħ fil-11.15pm f’parkeġġ f’Ta’ Qali biswiet l-istadium Nazzjonali.

Fuq il-post issejħet ambulanza fejn sabet l-vittma mixħut fuq bankina flimkien ma’ kuntistabbli tal-Pulizija li kien off-duty li nzerta għaddej mill-akwati u li waqaf jagħti l-ewwel għajnuna.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li f’daħla li tagħti għall-għelieqi nstabet vettura
bid-dwal mixgħul u rriżulta li l-vettura kienet tal-vittma. Ħdejn il-vettura u fid-daħla ta’
fejn instabet, ġew innutati traċċi tad-demm, bil-Pulizija tagħlaq il-post sabiex tkun
ippreservata x-xena tar-reat.

Fuq il-post waslu l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), li minnufih bdew ifittxu flakwati ta’ Ta’ Qali għall-allegat agressur, iżda ma nstabx. L-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet
komplew matul il-lejl. Dawn wasslu biex kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-6.45am, il-Pulizija tar-RIU sabu lill-allegat aggressur ta’ 36 sena mistoħbi f’komun ta’ blokka ta’ appartamenti f’Ħ’Attard.

Ir-raġel instab b’xi ġrieħi f’saqajh li saru waqt l-allegat aggressjoni f’Ta’ Qali.

Ir-raġel kien arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għall-aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet sabiex ikun magħruf il-mottiv tal-allegat aggressjoni għadhom
għaddejjin.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella, li ordnat li ssir inkjesta u
ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qegħdin jitmexxew mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri,
assistit mill-Pulizija tad-Distrett.