Raġel jagħti fastidju f’Daħlet Qorrot; il-Pulizija tinvestiga

Google Maps

Il-Pulizija qed tinvestiga rapporti dwar raġel li allegatament qed jagħti fastidju lil bosta persuni fl-inħawi ta’ Daħlet Qorrot f’Għawdex.

Ma’ Newsbook.com.mt il-Pulizija spjegaw li daħlu xi rapporti u li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Irrimarkaw li mhux eskluż li jinħarġu xi akkużi b’rabta mal-każ, jiġifieri r-raġel jista’ jiġi mressaq il-Qorti.

Fl-aħħar jiem, fotografu lmenta permezz ta’ post fuq Facebook li hu u jipprova jieħu r-ritratti ta’ mudella f’bajja fl-inħawi ta’ Daħlet Qorrot, sostna li kien hemm raġel iħuf madwarhom u li sa kważi waddbilhom il-ġebel meta talbuh jersaq minn fuq il-post.

Il-fotografu ħalla messaġġ fuq il-grupp GOZONE fejn irrakkonta l-esperjenza tiegħu, u kienu bosta dawk li bgħatulu messaġġi personali u kkummentaw fuq il-post jgħidu li kellhom esperjenzi simili.

Irrakkont kif hu u mudella marru fuq din il-bajja sabiex jieħdu xi ritratti fil-baħar. Spjega kif l-ewwel darba li marru, dan ir-raġel li ddeskrivih bħala, ismar, mingħajr xagħar u għandu madwar 55 u 60 sena, beda jdur mal-apparat tagħhom filwaqt li għal tul ta’ ħin beda jħares lejh u lejn il-mudella.

Spjega li t-tieni darba li marru, l-istess raġel reġa’ kien hemm u din id-darba l-fotografu talbu sabiex jitlaq minn ħdejhom numru ta’ drabi. Dan wara li baqa’ jaġixxi bl-istess mod tal-ġurnata ta’ qabel. Spjega li r-raġel iddeċieda li jersaq minn ħdejhom iżda kompla jsib pożizzjonijiet madwar il-bajja minn fejn seta’ jkompli jsegwi l-movimenti tagħhom. Wara ftit, ir-raġel allegatament qabad żewġ ġebliet u mar għalih u għall-mudella. Spjega li meta raw dan, marru qalb grupp ta’ nies biex jipproteġu lilhom infushom u persuni oħra li kienu fuq il-bajja.

Il-fotografu rrimarka li wara li ħareġ il-post fuq Facebook kienu bosta dawk li kkuntattjawh jispjegaw li huma wkoll kienu għaddew minn esperjenza simili fuq l-istess bajja u li x’aktarx kien l-istess persuna.