Raġel ittajjar minn karozza u tħalla jsofri minn ġrieħi gravi

Arkivji

Read in English.

Raġel ittajjar minn karozza f’Birżebbuġa billejl u tħalla jsofri minn ġrieħi gravi peress li s-sewwieq tal-karozza ħarab minn fuq il-post.

Kien għall-ħabta tas-00.45am meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel mixħut mal-art fi Triq Ħal Far f’Birżebbuġa.

Malli waslu, il-pulizija sabu lill-vittma, raġel ta’ 38 sena li joqgħod ir-Rabat, Għawdex, midrub mal-art. Huwa kien miexi fit-triq meta tajritu karozza u baqgħet sejra.

Il-vittma ngħatat l-ewwel għajnuna minn persuna li nzertat fl-inħawi qabel ma ġiet l-ambulanza u ħaditu l-Isptar Mater Dei. Hemmhekk, hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ta’ natura gravi.

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ u tfittex lis-sewwieq maħrub.