Raġel arrestat b’rabta mal-qtil fil-Qawra

Aġġornat 05:44 PM
qawra-PR1

Read in English.

Raġel ġie arrestat b’rabta mal-każ ta’ argument fil-Qawra li ħalla raġel mejjet kawża ta’ daqqiet ta’ sikkina.

Dalgħodu, fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li l-każ seħħ fi Triq il-Ġifen għall-ħabta ta’ 12am. Jidher li kien seħħ argument bejn xi persuni barranin fi stabbiliment fl-istess triq.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali, il-Pulizija tad-Distrett, ambulanza u tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Ir-raġel, Niġerjan ta’ 37 sena, ingħata l-ewwel għajnuna medika fuq il-post. Hu mbagħad ittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza. Mill-ewwel ġie ċertifikat fil-periklu tal-mewt. Aktar tard, għall-ħabta tas-1am, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet.

Il-Pulizija qed tkellem raġel dwar il-każ sabiex jgħinha fl-istħarriġ. Dwar il-każ ġie infurmat l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo li ordnat inkjesta Maġisterjali u ħatret diversi esperti biex jassistuha.

Intant, aktar tard waranofsinhar, il-Pulizija qalet li informazzjoni mingħand il-pubbliku wasslet għall-arrest ta’ Niġerjan ieħor li huwa suspettat li wettaq id-delitt fil-Qawa. Hu ġie arrestat f’San Ġiljan u qed jinżamm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.