Raġel imut u ieħor fil-periklu tal-mewt wara ħabta f’San Ġiljan

Aġġornat 02:19 PM
CMRU

Sewwieq ta’ mutur tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku f’San Ġiljan. Intant sewwieq ta’ mutur ieħor involute fl-istess inċident qed jissielet għal ħajtu.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ fi Triq Dun Mikiel Anton Vassalli għall-ħabta ta’ 12.10am. Ir-raġel li tilef ħajtu huwa Malti li kellu 39 sena u kien residenti Birkirkara. Intant, ir-raġel li qed jissielet għal ħajtu hu Malti li għandu 40 sena u residenti l-Ħamrun.

Fl-inċident kien hemm involuti wkoll żewġ karozzi li kienu misjuqa minn raġel ta’ 35 sena mill-Etijopja residenti l-Marsa u raġel ta’ 24 sena mis-Sirja residenti ż-Żebbuġ.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li s-sewwieq ta’ 35 sena allegatament tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu u fl-istess waqt seħħ impatt fuq in-naħa ta’ wara tal-karozza tiegħu. Ir-raġel minn Birkirkara kien qed isuq il-mutur tiegħu fl-istess direzzjoni ħabat mal-karozz, filwaqt li s-sewwieq tal-mutur l-ieħor li wkoll kien qed isuq fl-istess direzzjoni skiddja. Is-sewwieq tal-karozza l-oħra pprova jevita l-impatt, imma ħabat ma’ barrier.

Ir-raġel minn Birkirkara kien iċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tabib tal-emerġenza.

Dwar il-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.