Raġel imfittex mill-Pulizija jaqbeż mill-bjut u jipprova jaħrab

CMRU

Raġel imfittex mill-Pulizija beda jaqbeż mill-bjut biex jipprova jevita l-arrest, skont il-Pulizija.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li lbieraħ raġel ta’ 45 sena resident Birkirkara ġie arrestat f’post fejn allegatament kien qed jistaħba. Kien imfittex mill-Pulizija b’rabta ma’ diversi serqiet.

Ir-raġel kien imfittex b’rabta ma’ serq minn pompi tal-petrol, minn vetturi, u serqa minn ħanut f’Bormla f’Marzu.

Ilbieraħ għall-11am, il-Pulizija ċċirkondaw residenza fiż-Żurrieq. Dan wara li rċeviet informazzjoni fejn ir-raġel seta’ kien qed jistaħba. Skont il-Pulizija, malli r-raġel induna bl-uffiċċjali pprova jaħrab billi beda jaqbeż minn fuq il-bjut ta’ residenzi. Il-pulizija baqgħu jsegwuh u ġie arrestat ftit wara. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Victor Axiak.