Raġel imfittex mill-Italja dwar traffikar tal-kannabis, jikkontesta l-arrest

Raġel li kien arrestat wara talba li saret mill-awtoritajiet Taljani bħala parti minn investigazzjoni dwar traffikar ta’ 10 tunnellati droga kannabis ikkontesta l-arrest tiegħu u sostna li dan kien wieħed illegali.

Ir-raġel ta’ 41 sena kien arrestat il-Ħamis tard wara nofsinhar u ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest meta deher quddiem il-Maġistrat Monica Vella.

Fil-Qorti l-avukati li qed jidhru għall-akkużat saħqu li l-arrest kien illegali hekk kif id-difiża ma kellhiex id-dokumenti meħtieġa relatati mal-akkużi li nħarġu fil-konfront tar-raġel fl-Italja.

Id-difiża argumentat li persuna tista’ tirrapporta detenzjoni bħala waħda illegali u talbu lill-Qorti tiddeċidi jekk dan kienx il-każ.

L-avukati tad-difiża saħqu li l-allegat reat seħħ f’ibħra internazzjonali.

Ir-raġel ma tax il-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn l-Italja. Dan fisser li l-Qorti trid tisma’ l-evidenza kif ukoll l-ordni tal-estradizzjoni la l-kunsent ma ngħatax.

Id-difiża attakkat il-validità tal-arrest u saħqet li l-applikazzjoni li għamlet kienet għadha valida. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-argumenti tad-difiża u qalet li l-validità tal-arrest diġà kien argument magħluq hekk kif dan instema’ waqt il-preżentata fejn ir-raġel ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.