Aġġornata: Jammetti li seraq 6 karozzi

Raġel ta’ 33 sena mill-Furjana ammetta fil-Qorti li seraq sitt karozzi, vending machine, u anke xi għodda.

Ir-raġel ġie akkużat ukoll li għamel ħsara fuq propjetà li mhix tiegħu, li kellu oġġetti misruqa, u li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu meta kien ingħata l-libertà proviżorja f’Marzu li għadda.

L-allegat serq seħħ fuq medda ta’ għaxart ijiem f’Birkirkara, l-Imsida, il-Ħamru, u Birżebbuġa. Id-difiża qalet li l-maġġoranza tal-affarijiet li nsterqu ġew ritornati. Ir-raġel issa se jkun qed jistenna sakemm tinqata’ s-sentenza.

Fl-aħħar jiem il-Pulizija ressqu żewġt irġiel b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet ta’ karozzi u għoddod f’Birkirkara u postijiet oħra matul Awwissu.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li ħidma ta’ investigazzjoni mill-iskwadra tal-Karozzi Misruqa u mill-Pulizija tad-Distrett waslet sabiex jinkiser ċirku ta’ kriminalità organizzata fejn ġew solvuti diversi każijiet ta’ serq.