Raġel id-dar taġen fuq in-nar

Ritratt: Meta Ġaħan ġibet il-bieb tad-dar warajh u baqa’ sejjer bih il-knisja fejn ommu kienet qegħda tisma’ l-quddies. Waħda mill-akkwarelli li Paul Caruana se jesebixxi ġo Palazzo De Piro fl-Imdina bejn l-4 u l-31 t’Ottubru.

Read in English.

Il-qawl Raġel id-dar taġen fuq in-nar ifisser li meta raġel iqatta’ ħafna ħin id-dar, x’aktarx jinqalgħu argumenti sħaħ bejnu u bejn martu. Dan jgħodd l-iktar meta raġel jirtira mix-xogħol.

Għax jaf jisma’ ’l mara tredden: ‘toqgħodx hekk, ta. Qum u aħsel il-washroom u wara mur ixtri. U oqgħod attent xi jtuk. Tonfoqx ħafna. Kif tlesti oħroġ il-kelb u itma’ ’l qattus’.

Dan huwa l-mod kif Paul Caruana jiddeskrivi waħda mill-20 watercolour li se jesebbixxi bejn l-4 u l-31 t’Ottubru ġo Palazzo De Piro, l-Imdina. Il-wirja tkun inawgurata fis-7.30 ta’ filgħaxija nhar l-4 t’Ottubru mill-E.T. Ugo Mifsud Bonnici, President Emeritu. L-akkwarelli bl-isem Seeing Voices, Ilħna li Nara jeħduna lejn żmien it-tfulija tas-snin sebgħin.

F’wieħed mill-akkwarelli għandek il-povru Ġaħan jiġbed il-bieb warajh u jibqa’ sejjer bih il-knisja fejn ommi qegħda tisma’ l-quddies. U Ġaħan, forsi bir-raġun, jistaqsi: “Mhux hi qaltli biex niġbed il-bieb warajja?”

“Il-wirja semmejtha Seeing Voices, Ilħna li Nara għaliex meta nisma’ ċerta vuċijiet, f’moħħi jfeġġu nies li kont naf, ġirien li mlew il-kwadri tal-ħajja ta’ meta kont tifel. Kwadri li xegħluli l-immaġinazzjoni u jgħinuni nfakkarhom permezz ta’ dawn l-akkwarelli,” qal Paul Caruana.

Kwadru ieħor juri lil Gundulaj, karattru kkulurit li kien jgħodds u jtella’ biċċiet tal-blat minn qiegħ il-baħar. Wara jniżżilhom l-art u b’mazza u skalpell ikissirhom biex joħroġ it-tamal li jbigħ dak il-ħin stess. Tamal togħma ta’ baħar.