Raġel gravi wara li baqa’ dieħel f’ħajt bil-karozza

Raġel ta’ 46 sena li joqgħod San Ġwann qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fl-Imqabba.
L-inċident seħħ fi Triq is-Sejba fis-sigħat bikrin tat-Tnejn, hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata għall-ħabta tas-1am li vettura baqgħet dieħla f’ħajt.
Jidher li r-raġel tilef il-kontroll tal-vettura.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar għall-ewwel kura, kif ukoll tal-Protezzjoni Ċivili sabiex inqala’ mill-karozza.