Raġel għall-Qorti b’akkużi li aggredixxa lil xufier tal-karozza tal-linja

Il-Pulizija se tressaq raġel ta’ 27 sena il-Qorti, akkużat li aggredixxa lil xufier tal-karozza tal-linja.
Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda fil-Belt Valletta wara argument li beda l-Ġimgħa waranofsinhar fil-Marsa.
Ma’ Newsbook.com.mt, ix-xufier tal-karozz tal-linja kien qal li r-raġel tela’ b’biljett skadut.  Żied jgħid li meta ġibidlu l-attenzjoni, reġa’ wrieh biljett ieħor skadut.
Qal li jumejn ilu waqt il-brejk niżel jieħu kafè u r-raġel waddablu karta u offendih bil-mejtin. Żied jgħid li dlonk laqqat daqqa ta’ xi oġġett f’rasu u waqa’ mal-art kollu demm.
Semma li meta mar l-għassa, irriżulta li l-passiġġier li aggredieh hu magħruf mal-pulizija. 
UĦM Voice of the Workers tikkundanna l-aggressjoni
Fi stqarrija, il-UĦM Voice of the Workers ikkundannat l-aggressjoni bi vjolenza li saret fuq ix-xufier.
Qalet li minn tagħrif li għandha, ix-xufier kien qed jaqdi dmiru kif suppost u spiċċa mhux biss biex ġie insulentat, iżda wkoll ġarrab ġrieħi permezz ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta.
Żiedet tgħid li jidher li x-xufier, waqt li kien fuq il-lant tax-xogħol, mhux l-ewwel darba li ltaqa’ mal-persuna li aggredietu.