Raġel fil-periklu tal-mewt wara waqgħa f’sit tal-kostruzzjoni

Malta Police Force

Raġel waqa’ minn xi għoli f’sit tal-kostruzzjoni f’San Ġiljan dalgħodu u qiegħed fil-periklu li jitlef ħajtu.

L-inċident ġara fis-7.15am fi Triq Schreiber meta t-Taljan ta’ 47 sena kien qed jaħdem f’sit tal-kostruzzjoni u waqa’ għoli ta’ sular.

Fuq il-post issejħet ambulanza u membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistuh. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li qiegħed fil-periklu tal-mewt.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke.