Raġel fil-periklu tal-mewt wara nirien f’dar fl-Imsida

Christoph Schwaiger

Read in English.

Raġel ta’ 24 sena mill-Mali jinsab fil-periklu tal-mewt wara li sofra xi ġrieħi kawża tan-nirien f’dar fl-Imsida.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-każ seħħ għall-ħabta tal-10pm fi Triq Antonio Bosio. Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn irriżulta li żewġt irġiel, wieħed ta’ 26 sena mill-Kosta tal-Avorju u l-ieħor ta’ 24 sena mill-Mali, sofrew xi ġrieħi kkawżati minn ħruq u d-dħaħen.

Fuq il-post ġew imsejħa l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu. Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn aktar tard ir-raġel ta’ 24 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja filwaqt li r-raġel ta’ 26 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.