Raġel fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn trakk

Raġel li kien qed jaqsam il-Bypass ta’ Birkirkara intlaqat minn trakk u jinsab fil-periklu tal-mewt.

Fi stqarrija, l-pulizija qalet li l-inċident seħħ ilbieraħ għal ħabta ta’ 1815 fejn Indjan ta’ 31 sena li joqgħod l-Iklin, inlaqgħat minn trakk misjuq minn Filippin ta’ 43 sena residenti Ħ’Attard u kellu jittieħed l-Isptar Mater Dei għax weġġa serjament.

Kienu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li ġew msejħa fuq il-post sabiex jassistu lir-raġel.
Huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.


Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.