Raġel fil-periklu tal-mewt wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina fl-Armier

Raġel ta’ 55 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li qala’ numru ta’ daqqiet ta’ arma li taqta’.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-10:10pm meta l-Pulizija tal-Mellieħa kienu msejħa biex imorru ħdejn boathouse fl-Armier wara rapport li ndarbu xi persuni waqr serqa.
Il-pulizija sabu r-raġel mal-art f’ammont sostanzjali ta’ demm. Huwa ttieħed immedjatament l-isptar fejn ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.
Mara ta’ 44 sena mis-Swieqi wkoll ittieħdet l-Isptar wara li sfat midruba mill-istess aggressuri waqt is-serqa. Hi qed issofri minn ġrieħi ħfief. 
Jidher li l-aggressuri kienu tlieta, kellhom wiċċhom mgħammda u serqu wkoll il-karozza tar-raġel li nstabet ftit wara l-Aħrax tal-Mellieħa.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa, li ħatar diversi esperti biex jassistuh f’inkjesta maġisterjali. Sadattant, id-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett qegħdin jinvestigaw il-każ.