Raġel fil-periklu tal-mewt wara daqqa ta’ sikkina f’San Ġiljan

Raġel jinsab jissielet għal ħajtu wara li qala’ daqqa ta’ sikkina waqt argument f’San Ġiljan.

Dan ġie kkonfermat fi stqarrija tal-Pulizija li spjegat li għall-ħabta tas-6am, ir-raġel Sqalli ta’ 22 sena mar fl-għassa ta’ San Ġiljan jitlob l-għajnuna minħabba li allegatament kien safa’ aggredit minn persuna oħra. Mill-investigazzjonijiet instab li qam argument bejn il-vittma u raġel ieħor f’appartament fi Triq Forrest, fejn ir-raġel allegatament qala’ daqqa ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.

Fl-istqarrija ntqal li l-Pulizija nnutat li r-raġel kien ferut u sejħet ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei. Fuq il-każ infetħet inkjesta.