Arrestat b’rabta ma’ argument li ħalla raġel fil-periklu tal-mewt

Aġġornat 11:17 AM

Raġel qed jissielet għal ħajtu wara argument fejn intużat arma taqta’ u bil-ponta fil-Fgura. Intant, iktar tard illum, il-pulizija qalet li arrestat raġel b’rabta mal-każ.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-każ seħħ ilbieraħ, fid-8.45pm fi Triq Ħaż-Żabbar. Xi persuni fil-viċinanzi tal-Għassa tal-Pulizija rrappurtaw li raw xi argument bejn xi persuni u li kien hemm demm mal-art.

Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post indikat lilha fejn ġie nnutat xi demm mal-art. Ftit ħin wara, l-Pulizija ġew infurmati mill-Isptar Mater Dei li kien għadu kif daħal persuna li kien involut f’argument fejn intużat arma li taqta’ u bil-ponta.

Ir-raġel, li huwa Sirjan ta’ 24 sena, kien involut f’argument ma’ xi persuna oħra, fejn allegatament sofra xi ġrieħi minħabba li kienet intużat arma li taqta’ u bil-ponta. Il-persuna l-oħra telqet minn fuq il-post.

Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei minn xi qraba għall-aktar kura meħtieġa u iktar tard ġie ħareġ li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.

Wara ftit sigħat ta’ tfittxija, il-Pulizija ħabbret li arrestat raġel Sirjan b’rabta mal-każ.