​Raġel fi Brussell jgħid lill-Pulizija li għandu splussivi fil-karozza

Fi Brussell, skwadra ta’ kontra l-isplussivi kellha tissejjaħ fuq il-post wara li l-pulizija waqqfet raġel li qal li kellu armamenti fil-karozza tiegħu.
Il-każ seħħ fid-disrett ta’ Molenbeek fejn is-suspettat, li l-identità tiegħu għadha mhijiex magħrufa, ġiegħel lill-uffiċjali tal-pulizija jiġru warajh wara li baqa’ ħiereġ fuq l-aħmar meta kien qed isuq il-karozza.
Ir-raġel ġie arrestat wara li l-pulizija kellha tispara lejn ir-roti tal-karozza u b’hekk ir-raġel twaqqaf.
Kien hawnhekk li r-raġel infurma lill-Pulizija li kellu l-isplussivi fil-karozza fejn bħala prekawzjoni l-Pulizija għalqet iż-żona fil-qrib.
Xhieda li kienu fuq il-post qalu ma’ aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali li nstemgħu żewġ splużjonijiet. Għadu mhux magħruf jekk dan kienx attakk ippjanat.
Molenbeek għandu popolazzjoni kbira Marokkina hekk kif din il-belt kienet fl-aħbarijiet meta ċellola tal-istat Iżlamiku kienet ippjanat minn hawnhekk l-attakki ta’ Pariġi f’Novembru tal-2015.
Dawn l-attakki kienu ħallew 130 persuna mejta.